Aġġornata (7): It-Torok jagħżlu l-‘iva’ ta’ Erdogan

Fit-Turkija rebaħ il-vot tal-'iva' sabiex il-kostituzzjoni Torka tiġi emendata u tagħti aktar poteri eżekuttivi lill-President Recep Tayyip Erdogan.
Hekk kif ġew magħduda 99% tal-voti, ir-riżultat juri 51.3% favur l-'iva' u 48.7% ivvutaw 'le'.  Id-distakk huwa ta' 1.3 miljun vot. Jidher li ż-żewġ partiti ewlenin fl-oppożizzjoni qed jirribattu r-riżultat.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru Binali Yildirim qal li jinsab kuntent għal kull min ħareġ jivvota għax b’hekk rebħet id-demokrazija.
Għaldaqstant bir-riżultat favur l-'iva' se jiġu emendati 18-il liġi fil-kostituzzjoni u l-President Erdogan għandu sal-2029 fil-poter.
Dan ir-referendum ġab diversi opinjonijiet differenti. Is-segwaċi ta’ Erdogan saħqu li jekk jirbaħ l-'iva', l-ekonomija u s-sitema politika jiġu stabbli.
Madankollu dawk li kienu favur il-'le' bdew jibżgħu li jista’ jkun hemm dittatorjat.
Dan ir-referendum jista’ jħalli effett ukoll fuq ir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif Erdogan qal li jista’ jerġa’ jiskrutinja mill-ġdid il-ftehim li hemm dwar l-immigrazzjoni.
3 persuni jinqatlu b'tiri quddiem post tal-votazzjoni
Intant tliet persuni nqatlu b'tiri waqt ġlieda quddiem post tal-votazzjoni fit-Turkija. 
Aħbarijiet Torok irrapportaw li l-argument kien bejn żewġ familji. Għadu mhux magħruf x'kienet ir-raġuni tal-ġlieda imma qed jiġi rrapurtat li l-ġlieda qamet minħabba nuqqas ta' qbil dwar l-għażla fir-referendum.
Kawża tal-ġlieda persuna spiċċat l-isptar u żewġ persuni ġew arrestati.