It-Turkija tisħaq li Macron għandu ‘eklissi tal-moħħ’ fir-rigward tal-Libja

FILE PHOTO: REUTERS/Charles Platiau

It-Turkija wieġbet lura għall-mod kif Franza ikkritikatha għall-intervent tagħha fil-Libja, u qalet li l-President Emmanuel Macron bilfors li qed isofri minn “eklissi tal-moħħ ” biex qed jopponi l-appoġġ ta’ Ankara lill-gvern ta’ Tripli li huwa rikonoxxut internazzjonalment.

Bl-appoġġ militari tat-Turkija, il-Gvern ta’ l-Għaqda Nazzjonali irnexxielu jegħleb assalt ta’ 14-il xahar fuq il-kapitali Tripli minn Khalifa Haftar, li qed ikollu l-appoġġ tar-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu.

L-involviment tat-Turkija fil-Libja wassal għal tiżgwid ma’ Franza li hija alleata ta’ NATO, filwaqt li t-Turkija saħqet li l-għajnuna ta’ Franza lil Haftar wassal għal iżjed kaos.

It-Tnejn li għaddew, Macron akkuża lit-Turkija li qed tilgħab “logħba perikoluża” fil-Libja u saħaq l-appoġġ lill-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi, li s-Sibt ta’ qabel kien għadu kemm qal li l-Kajr kellu kull jedd jintervjeni fil-kunflitt tal-ġirien tiegħu.

“…Il-kategoriżżazzjoni minn Macron ta’ l-appoġġ li pajjiżna qed iwassal lill-gvern leġittimu tal-Libjan, liema appoġġ huwa bbażat fuq riżoluzzjonijiet u fuq it-talba tal-Ġnus Magħquda, bħala ‘logħba perikoluża’, tista’ tkun spjegata biss bħala eklissi fuq il-moħħ,” qal Hami Aksoy, kelliem għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Tork.

“L-inkwiet li hemm bħalissa fil-Libja huwa kawżat mill-attakki ta’ Haftar, li huwa megħjun minn Macron u li huwa ġellied li ma laqax it-talb għall-waqfien mill-ġlied ta’ Moska u Berlin,” b’referenza għall-isforzi internazzjonali għall-waqfien mill-ġlied li kienu qed isiru f’Jannar li għadda.

Franza kienet akkużata li qed tappoġġja politikament lil Haftar, fejn kienet wasslitlu wkoll għajnuna militari sabiex jiġġieled lill-militanti Islamiċi. Franza ċaħdet li qed tappoġġja lil Haftar, iżda waqfet milli takkuża lill-alleati tiegħu filwaqt li qed tkompli bil-kritika tagħha lejn it-Turkija.