It-Turkija tinjora t-twiddib tal-Eġittu dwar l-intervent fil-Libja

Read in English.

It-twiddib tal-Eġittu li tista’ tintervjeni b’mod dirett fil-Libja mhux se jwaqqaf lit-Turkija milli tibqa’ twassal l-appoġġ tagħha lill-alleati Libjani. Dan qalu uffiċjal għoli Tork huwa u jitkellem it-Tnejn li għaddew, fost tensjoni bejn ir-rivali reġjonali il-Kajr u Ankara.

It-Turkija qed tappoġġja l-Gvern Libjan rikonoxxut internazzjonalment (GNA), li rnexxielu jegħleb assalt li ilu għaddej 14-il xahar fuq il-kapitali Libjana Tripli mill-Armata Nazzjonali Libjana ta’ Khalifa Haftar li qed ikun megħjun mir-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu. L-indħil tat-Turkija fil-kunflitt Libjan qajjem tensjonijiet ma’ dawk li jappoġġjaw lil Haftar kif ukoll ma’ Franza.

Nhar is-Sibt, il-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi qal li l-Kajr għandu dritt leġittimu li jintervjeni fil-Libja u ordna lill-armata tiegħu sabiex tkun lesta għal kull missjoni barra mill-pajjiż, f’każ li jkun hemm bżonn.

“Id-diskors ta’ Sisi m’għandu l-ebda bażi,” qal l-uffiċjal Tork lil Reuters b’kundizzjoni li jibqa’ anonimu. “It-Turkija u l-Libja mhumiex se jieqfu jkunu determinati.”

Il-GNA, bl-appoġġ tat-Turkija qed tkompli tħejji sabiex taħtaf lura l-belt kostali strateġika ta’ Sirte, li nħatfet mill-armata ta’ Haftar f’Jannar, kif ukoll ir-reġjun ta’ Jufra fin-nofsinhar, kompla jgħid l-uffiċjal.

Yasin Aktay, deputat chairman tal-partit AK tal-President Tork Tayyip Erdogan qal li intervent dirett mill-Eġittu mhux se jkun megħjun mill-Alġerija, pajjiż ġar tal-Libja, u dan ipoġġi lill-Eġittu kontra t-Turkija li hija wkoll membru tan-NATO.

“Sisi la għandu s-saħħa u lanqas il-kuraġġ li jagħmel dan,” kompla jgħid. L-Emirati Għarab Magħquda u l-Arabja Sawdija esprimew l-appoġġ tagħhom lill-Eġittu wara d-diskors ta’ Sisi nhar is-Sibt.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Eġittu talab għal waqfien mill-ġlied fil-Libja bħala parti minn inizjattiva ġdida li ntlaqgħet mill-Istati Uniti, mir-Russja u mill-Emirati Għarab Magħquda. It-Turkija qalet li dan kien attentat biex isalva lil Haftar wara t-telf li ġarrab waqt il-ġlied.