It-Turkija takkuża lill-Istati Uniti “b’armata terroristika” ta’ 30,000 persuna

It-Turkija akkużat lill-Istati Uniti li qed tipprova twaqqaf armata terroristika bi 30,000 persuna mal-fruntieri mat-Turkija u l-Iraq.
Din l-hekk imsejħa armata terroristika mill-President Tork, Recep Tayyip Erdoğan, hi magħmula mill-Kurdi li qed jgħinu lill-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF) fis-Sirja fil-ġlieda tagħhom kontra l-Istat Iżlamiku.
It-Turkija dejjem qieset lill-Kurdi li qed jgħinu lill-SDF bħala grupp ieħor ta’ terroristi. Dan għaliex fosthom hemm ħafna nies mill-milizzja tal-YPG, jiġifieri t-Taqsimiet għall-Protezzjoni tal-Poplu Kurd.
It-Turkija dejjem qieset lil dawn it-taqsimiet bħala wlied tal-PKK, il-Partit tal-Ħaddiema Kurdi li kien ġie pprojbit u mwaqqaf mit-Turkija.
Sal-lum, bil-għajnuna mill-ajru ta’ koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti, l-SDF irnexxielha tieħu lura għexieren ta’ eluf ta’ kilometri kwadri ta’ art minn taħt idejn L-ISIS.
F’Ottubru li għadda din il-koalizzjoni bejn l-Amerikani u s-Sirjani ħadet il-kontroll sħiħ tal-belt ta’ Raqqa, li kienet iċ-ċentru tal-kaliffat Iżlamiku ddikjarat fl-2014. Minn dakinhar l-SDF baqgħu javvanzaw għax-Xlokk tal-pajjiż lejn ix-xmara Ewfrati.
Lanqas il-Gvern Sirjan u r-Russja mhuma jaqblu ma’ dil-mossa tal-Istati Uniti.
Is-Sirja ddeskriviet dil-mossa bħala attakk sfaċċat fuq it-tmexxija tal-Istat, u r-Russja wissiet li armata bħal din tista’ twassal biex ikun hemm firda fonda bejn in-naħat rispettivi.
L-aħbar ta’ din l-armata mal-fruntiera ħarġet is-Sibt li għadda, u llum il-koalizzjoni Amerikana-Sirjana qalet li madwar nofs it-30,000 se jkunu Għarab u Kurdi, u l-bqija suldati ġodda.
L-armata tal-fruntiera se tkun qed tinbena gradwalment fis-snin li ġejjin, u se tkun qed tikkontrolla l-fruntiera tat-Tramuntana tas-Sirja mat-Turkija, u dik tal-Lvant mal-Iraq li tinsab taħt idejn l-SDF.
Prattikament dil-fruntiera tal-Lvant isservi bħala l-linja li tissepara lill-SDF mill-forsi favur is-Sirja li wkoll jinsabu fil-kunflitt.