It-Turkija diżappuntata bil-miżuri “restrittivi” fuq vjaġġar fil-konfront tagħha mill-UE

via REUTERS

Read in English.

It-Turkija nhar l-Erbgħa qalet li tinsab diżappuntata bid-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li teskludiha mill-lista ta’ pajjiżi rakkomandati għall-ivjaġġar non-essenzjali u talbet lill-bloc sabiex jikkoreġi “l-iżball” malajr kemm jista’ jkun.

Ir-rispons mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Tork wasal wara li l-Unjoni Ewropea eskludiet lit-Turkija, flimkien ma’ l-Istati Uniti u pajjiżi oħra, mill-ewwel lista tagħha ta’ pajjiżi siguri għall-ivjaġġar.

“Il-miżuri li ħadet it-Turkija biex tiġġieled il-pandemija tal-coronavirus kif ukoll l-isforzi tagħha u s-suċċess li rnexxielha tikseb f’dan ir-rigward, huma evidenti,” qal il-kelliem għall-ministeru Hami Aksoy f’stqarrija maħruġa apposta.

“Qed nistennew li dan l-iżball dwar restrizzjoni fuq l-ivjaġġar taċ-ċittadini tagħna jkun korrett kemm jista’ jkun malajr.”

Fit-Turkija kienu reġistrati kważi 200,000 każ ta’ coronavirus  fejn l-imwiet telgħu għal madwar 5,100 u bħalissa, ir-rata ta’ każijiet ġodda qed tkun ta’ madwar 1,300 kuljum.

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Tork Mevlut Cavusoglu u l-Ministru tat-Turiżmu Mehmet Ersoy se jżuru Berlin nhar il-Ħamis biex jiltaqgħu ma’ uffiċjali Ġermaniżi sabiex jiddiskutu l-pandemija u t-turiżmu, fost affarijiet oħra. 

Il-Ġermanja hija sors ewlieni ta’ turisti għat-Turkija.

Aktar kmien nhar l-Erbgħa, il-President Tayyip Erdogan qal lill-uffiċjali tal-partit tiegħu AK li l-Ewropa qed tapplika miżuri “restrittivi” fil-konfront tat-Turkija li mhumiex bbażati fuq fatturi ta’ saħħa iżda iżjed fuq fatturi politiċi.