It-turiżmu se jkun mgħejjun b’aktar swieq mhux Ewropej

L-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu se tkun qed tgħin lil Malta biex iġġib aktar swieq ġodda minn barra l-Ewropa bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti tal-Amerika.
Waqt żjara li l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kellu fl-uffiċini tal-organizzazzjoni f’Madrid ġie diskuss il-bżonn li aktar żgħażagħ jagħżlu t-turiżmu bħala l-vokazzjoni tagħhom filwaqt li Malta tibqa’ ttejjeb il-prodott tagħha.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu faħħar is-settur turistiku f'Malta fejn kien irreġistrat tkabbir.
Ġie miftiehem li l-organizzazzjoni se tgħin lill-Ministru għat-Turiżmu fit-tfassil tal-politika u l-viżjoni għal dan is-settur li se tiġi konkluża sal-aħħar ta' Marzu.
Il-Fondazzjoni Themis li hija l-fergħa edukattiva tal-organizzazzjoni se tkun qed tgħin lill-Istitut tal-Istudji Turistiċi bi programm intiż biex jissaħħaħ dak li qiegħed isir.