It-turiżmu mill-cruiseliners jiżdied b’27% f’sena, 15% fi 3 xhur

Fit-tliet xhur bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, waslu f’Malta 12-il cruiseliner inqas mill-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel imma n-numru ta’ passiġġieri li niżlu f’Malta kien ferm ogħla.
Skont l-NSO, l-aħħar tliet xhur tas-sena fissru 15% iktar ta’ passiġġieri mill-cruiseliners, meta mqabbla mal-istess tliet xhur tal-2014, u allura 23,000 turist iktar.
2,200 minnhom niżlu f’Għawdex waqt li 5,300 minnhom għaddew mill-inqas lejl sorġuti f’port Malti.
L-NSO qal ukoll li 3 minn kull 4 turisti li fl-aħħar tliet xhur tas-sena daħlu Malta abbord cruiseliner, kienu minn pajjiż ieħor tal-UE, l-iktar mill-Italja, il-Ġermanja u Franza. Mill-bqija, wieħed minn kull 4 kienu mill-Istati Uniti.
L-NSO ħareġ iċ-ċifri wkoll għas-sena li għaddiet kollha kemm hi. It-turisti bil-cruiseliners żdiedu b’27.3% fuq l-2014, bl-ikbar żidiet mis-suq Taljan u Spanjol. Iktar minn nofshom kienu nisa, u persuna minn kull 3 kienet ta’ bejn is-60 u 79 sena.
Daħlu 4 cruiseliners iktar mill-2014, għal total ta’ 307 vapur, imma l-medja ta’ passiġġieri fuq kull vapur telgħet minn 1,500 għal 1,900.