​It-turiżmu huwa settur ideali għall-għaqda – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li t-turiżmu huwa settur ideali biex jgħaqqad flimkien nies minn kulturi diversi.
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-memorandum ta’ ftehim bejn il-Fondazzjoni tat-Turiżmu tal-Mediterran u l-Unjoni għall-Mediterran il-President qalet li din il-kollaborazzjoni turi l-impenn taż-żewġ entitajiet biex tikber il-paċi permezz tat-turiżmu.
L-Unjoni tal-Mediterran tgħaqqad flimkien il-Gvernijiet ta’ 28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u ta’ 15-il pajjiż ieħor madwar il-Mediterran.
Il-Fondazzjoni tat-Turiżmu fil-Mediterran hija għaqda li l-għan tagħha huwa li jiżdied it-turiżmu sostenibbli fil-Mediterran.
Iż-żewġ entitajiet jemmnu li dan il-ftehim se jgħin biex il-potenzjal li joffri t-turiżmu jiġi sfruttat aħjar u li ssir promozzjoni tal-kontribuzzjoni tat-turiżmu lejn il-protezzjoni tal-ambjent fost affarijiet oħra.
Ritratti: DOI/OPR