It-turiżmu għandu bżonn l-għajnuna biex tiġi evitata kriżi – Arrigo

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu Robert Arrigo qal li s-sitwazzjoni fis-settur tat-turiżmu hija waħda ta’ waqfien sħiħ fejn l-operaturi, fil-maġġoranza tagħhom, qed jipproċessaw il-kanċellazzjonijiet li qed isiru kawża tal-mod li bih infirex il-coronavirus madwar id-dinja. 

Robert Arrigo kien qed ikun intervista minn Jesmond Saliba waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103.

“M’aħniex naraw slow-down, imma total stop”, qal Arrigo. Il-Kelliem Nazzjonalista qal li bħalissa qed ikun hemm kanċellazzjonijiet kemm fuq livelli individwali kif ukoll fuq livelli ta’ gruppi mal-operaturi kollha, kemm jekk lukandi kif ukoll f’setturi bħal dawk tat-tagħlim tal-Ingliż. 

Arrigo qal li f’ħafna każijiet dawn il-kanċellazzjonijiet ma’ jistgħux jiġu mibdula u l-operaturi m’għandhom jedd għal xejn. 

Arrigo appella biex ikun hemm għadd ta’ miżuri (short-term) biex dan is-settur jiġi mgħejjun fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċja minkejja li f’pajjiżna għadu ma ġie rapurtat ebda każ tal-Coronavirus. 

Huwa fisser li anke globalment, din il-problema qed iġġib fuq irkoptejha numru ta’ industriji u operaturi, fejn wissa li l-kollass tal-linja tal-ajru FlyBE kien aċċellerat bil-problema tal-Coronavirus.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel aktar proposti. Fost l-oħrajn huwa qal li filwaqt li l-inizjattiva tal-AirMalta hija pożittiva, għandu jkun hemm tneħħija kompleta u flessibilità sħiħa biex is-settur jiġi aġevolat. Apparti minn hekk huwa qal li l-Gvern għandu jkun proattiv u jgħin għax f’dan il-mument ma jistax jitħalla waħdu. 

Huwa wissa li din is-sitwazzjoni tista’ tkun ta’ theddida għall-impjiegi ta’ wħud b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li l-industrija tat-turiżmu hija waħda ibbażata fuq il-kuntatt dirett man-nies, fatt li fih innifsu jżid ir-riskju għal dan il-pilastru ekonomiku ta’ Malta.