It-turiżmu fl-UE jirkupra, Malta taqbeż il-medja perċentwali taż-żieda

Malta qabżet il-medja perċentwali tat-28 pajjiż membru tal-UE f’dik li hi ż-żieda fl-iljieli li qattgħu t-turisti fl-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni fil-pajjiż.
Waqt li l-medja għat-28 pajjiż membru tal-UE kienet ta’ żieda ta’ 1.7% bejn l-2013 u l-2014, Malta rat titjib ta’ 3.3%.
Dan joħroġ mill-aħħar ċifri tal-Eurostat li urew li t-turiżmu fl-UE qed jirkupra tant li l-2014 kienet l-aħjar sena fl-aħħar 15-il sena.
Waqt li Malta ma toqrob bl-ebda mod lejn l-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżi ferm ikbar minnha fl-Ewropa, baqgħet il-pajjiż bl-ikbar perċentwal ta’ turisti barranin minn fost dawk kollha li qagħdu fil-lukandi u stabbilimenti oħra tagħha.
Wara Malta b’96% u Ċipru b’94%, it-turisti barranin għażlu lill-Kroazja (92%), il-Lussemburgu (88%) u lill-Greċja (79%).
Malta kellha wkoll it-tieni l-ikbar tkabbir fil-perċentwal ta’ turisti Maltin stess li għażlu li jgħaddu ljieli fl-istabbilimenti fil-pajjiż, b’żieda ta’ 11.2%, wara l-Latvja b’żieda ta’ 13.9%.
Imma bħala numru, il-pajjż li fih l-iktar li t-turisti barranin qattgħu ljieli f’lukandi kien Spanja, b’260 miljun lejl, segwita mill-Italja b’184 miljun lejl. Meta wieħed iqis l-ammont ta’ turisti mill-istess pajjiż u turisti barranin, l-erba’ destinazzjonijiet li l-iktar marru tajjeb kienu Franza, Spanja, l-Italja u l-Ġermanja, kollha b’iktar minn 360 miljun lejl.
Fl-2014, Malta kellha kważi 9 miljun lejl – xorta waħda iktar minn pajjiżi ikbar minnha ġeografikament, bħall-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja.