It-turiżmu f’Għawdex mhux irrappreżentat dirett fl-Awtorità l-ġdida

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA).

Għalkemm l-ewwel reazzjoni għall-Awtorità l-ġdida dwar Għawdex tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu hija waħda pożittiva l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Joe Muscat qal ma’ Newsbook.com.mt li “huma jħossu li għandu jkun hemm rappreżentanza turistika diretta fuq il-bord” tal-Awtorità.

Mistoqsi wkoll dwar il-poteri eżekuttivi tal-bord, Muscat stqarr li dawn huma “limitati” iżda jidher li se jkollha poteri ta’ infurzar.

Bħalma qalu r-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC), ir-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu xtaqu li l-Bord tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex ikun kemm jista’ jkun rappreżentattiv.

Joe Muscat qal li bħala Assoċjazzjoni ressqu l-proposti tagħhom waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni,  u qal li għalkemm jifhmu r-restrizzjonijiet tan-numru ta’ membri fuq il-bord, qal li għandu jkun ukoll bord kemm jista’ jkun rappreżenttativ.

Għadu mhux ċar jekk l-Awtorità l-ġdida dwar Għawdex hix se jkollha poteri eżekuttivi u se tkun taħt il-kontroll dirett tal-Ministeru għal Għawdex, bil-Ministru tappunta l-maġġoranza tal-membri fil-Bord tal-Awtorità. L-għan primarju ta’ din l-Awtorità hu li tikkonsulta mal-Gvern, is-settur privat, korpi kostitwiti, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, u ċittadini dwar l-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali għal Għawdex.