It-turisti li waslu f’Ġunju nefqu aktar minn €160 miljun

In-numru ta’ turisti li żaru Malta matul ix-xahar ta’ Ġunju żdiedu bi 8.6% meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
B’kollox, f’dan l-istess xahar ġew Malta aktar minn 170,000 turist. Dan in-numru ma jinkludix dawk it-turisti li qagħdu abbord cruise liners li kienu ankrati Malta.
Skont statistika maħruġa mill-NSO, f’Ġunju ġew mal-152,000 turist għal btala Malta filwaqt li mal-14,000 ġew f’pajjiżna fuq xogħol.
Dawk it-turisti li ġew Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea żdiedu b’9.9% li huwa ekwivalenti għal 146,000 persuna.
Il-maġġoranza ta’ dawk li żaru Malta kellhom bejn il-25 u l-44 sena segwiti minn dawk li għanhom bejn 45 u 64 sena.
L-iljieli tat-turisti li qattgħu Malta żdiedu bi 8.6% meta kkumparat ma’ Ġunju tal-2013. B’kollox, f’dan ix-xahar it-turisti li ġew Malta qattgħu aktar minn 1.3 miljun lejl f’pajjiżna.
Huwa stmat li matul dan il-perjodu, it-turisti li ġew Malta nefqu aktar minn €160 miljun, żieda ta’ 11% fuq is-sena li għaddiet.