“It-turisti jistgħu jibdlu storja ta’ suċċess f’waħda traġika” – l-MUMN

L-MUMN tappella lill-PM biex ma jkunx hawn turiżmu

Miguela Xuereb

Read in English.

L-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN appellat lill-Prim Ministru Robert Abela biex ma jkunx hawn turiżmu f’dan is-sajf li ġej.

Fi stqarrija, il-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-isforzi li saru jistgħu jintilfu kollha jekk jibdew ġejjin it-turisti f’Malta. Huwa semma kif Malta qed tuża’ l-istorja ta’ suċċess li kkontrollat l-imxija f’qasir żmien biex tattira lura lit-turisti iżda Pace stqarr li “t-turisti jistgħu jibdlu storja ta’ suċċess f’waħda traġika”. Qal li għad fadal sfidi kbar fejn jidħol it-turiżmu għax qal li fl-industrija tad-divertiment bħalma huma l-bars, discos, mużewijiet u tiġijiet diffiċli tinżamm is-social distancing.

Fl-istqarrija, l-MUMN tgħid li kienet avviċinata mill-membri taħgha wara li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għamlet stqarrijiet pubbliċi li fihom indikat li se jkollna sajf hekk kif ħabbret għadd ta’ destinazzjonijiet li Malta jista’ jkollha bħala destinazzjonijiet komuni. Pace qal li din id-deċiżjoni hija purament politika bbażata biss fuq l-impatt ekonomiku.

L-MUMN appellat lill-Prim Ministru biex jisma’ mill-avviżi tas-CDC u tal-WHO li qalu minħabba li l-fruntieri qed jerġgħu jiftħu abbażi tal-pressjonijiet politiċi u pubbliċi, is-sitwazzjoni se tispiċċa ħażin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn