It-turisti għandhom juru ċertifikat li m’għandhomx coronavirus – CSN

FILE PHOTO: Passengers wearing protective face masks sit on a plane at Sharm el-Sheikh International Airport, following the outbreak of the coronavirus disease (COVID-19), in Sharm el-Sheikh, Egypt, June 20, 2020. REUTERS/Mohamed Abd El Ghany/File Photo

Read in English.

Civil Society Network qed jipproponi biex malli jaslu t-turisti f’Malta, dawn juru xi tip ta’ ċertifikat li jindika li m’għandhomx il-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, l-għaqda Civil Society Network qalet li minħabba li l-każijiet tal-coronavirus qed jiżdiedu ħafna f’Malta, għandha tiġi introdotta miżura bħal din sabiex jiġi kkontrollat l-għadd ta’ każijiet impurtati. Dawk li ma jkunux jistgħu juru evidenza li għamlu swab test riċentament, għandu jsirilhom wieħed f’Malta u joqogħdu kwarantina sakemm joħroġ ir-riżultat.

CSN qalet li, “Minħabba ż-żieda ta’ każijiet spontanji li rriżultaw mill-iswab tests riċenti, jidher li hemm bżonn xi forma ta’ kontroll li hija aktar robusta mill-miżuri fjakki li mexxa l-Prim Ministru Robert Abela, li bihom, f’dawn l-aħħar ħmistax, Malta rat l-akbar żieda ta’ każijiet tal-COVID-19 mill-bidu tal-ġlieda kontra l-marda. Din hija sitwazzjoni bla preċedenti – il-miżuri li ttieħdu fil-bidu, li kienu ttieħdu taħt it-tmexxija tas-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, jidhru li sfaċċaw, filwaqt li fi ftit jiem, il-każijiet sparaw għal-livell li dehru fl-agħar tal-ewwel mewġa.”

Bit-23 każ ġdid imħabbrin ilbieraħ, Malta issa għandha 415-il każ attiv. Dan wassal sabiex jitħabbru ċerti restrizzjonijiet minn pajjiżi oħra fuq is-safar lejn Malta, fosthom fl-Irlanda, fil-Litwanja, fil-Latvja, u issa, anke Slovenja m’għadhiex qed tqis lil Malta fost l-aktar pajjiżi siguri fil-konfront tal-coronavirus. L-Italja qed tikkunsidra li dawk li jirritornaw minn Malta jkollhom jagħmlu test għall-coronavirus billi kien hemm għadd ta’ Taljani li laqqtu l-virus minn btala f’Malta.

CSN temmet tgħid li filwaqt li t-testijiet kuljum għandhom ikomplu jiżdiedu, irid ikun hemm aktar miżuri biex titwaqqaf il-firxa, fosthom ir-regola li ma jkunx hemm aktar minn tmienja fi grupp, biex tiġi limitata l-possibbiltà ta’ clusters.