It-turisti f’Novembru jonqsu bi ftit imma l-iljieli fl-istess livell

It-turisti li waslu f’Malta f’Novembru li għadda naqsu b’1.6% iżda l-iljieli li dawn qattgħu f’Malta huma fuq l-istess livell ta’ Novembru ta’ qabel.
Skont l-NSO, f’Novembru kien hemm ftit iktar minn 100,000 turist li qagħdu fil-lukandi fil-gżejjer Maltin għal iktar minn nofs miljun lejl.
Il-lukandi kollha ħlief dawk ta’ ħames u ta’ tliet stilel, marru aħjar minn Novembru tas-sena ta’ qabel, waqt li l-iktar tip ta’ lukanda ppreferuta mit-turisti baqgħet dik ta’ 4 stilel li flimkien, laqgħu iktar minn nofs it-turisti kollha li qagħdu f’Malta.
Fuq bażi reġjonali, waqt li l-iljieli tat-turisti f’Malta bħala gżira żdiedu b’0.2%, l-iljieli tat-turisti li qagħdu f’lukanda f’Għawdex jew f’Kemmuna naqsu b’6.9%.
L-NSO ħareġ ukoll iċ-ċifri għall-ewwel 11-il xahar tas-sena flimkien li fissru miljun turist u nofs li qagħdu fil-lukandi fil-pajjiż. Iż-żieda hi ta’ 6.6% fuq l-istess 11-il xahar tal-2013, u ta’ 3.1% fl-għadd totali ta’ ljieli.