Il-Gvern Taljan jiddikjara stat ta’ emerġenza

Il-Gvern Taljan iddikkjara stat ta’ emerġenza fid-dawl tat-tixrid tal-Coronavirus wara laqgħa tal-Kabinett.

Il-coronavirus ġie dikjarat bħala emerġenza globali mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) peress li l-marda qed tkompli tinfirex barra miċ-Ċina.

Intant, fl-Italja, ġew ikkonfermati l-ewwel żewġ każijiet tal-coronavirus.

Sadanittant żewġ turisti li sarulhom it-testijiet abbord il-cruise liner Costa Smeralda minħabba possibbiltà li kellhom il-coronavirus rriżulta li m’għandhomx il-marda qerrieda.

Dan ġie kkonfermat minn kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa Taljan.

Eluf ta’ passiġġieri kienu qed jinżammu abbord il-cruise liner fl-Italja minħabba dan is-suspett. Kien hemm bejn 6,000 u 7,000 passiġġier abbord.

Il-passiġġiera maħsuba li kellha l-coronavirus hi mill-Macau u għandha 54 sena. Telgħet fuq il-vapur fil-25 ta’ Jannar flimkien ma’ seħibha, li wkoll tqiegħed fi kwarantina minħabba ċ-ċans li kien infettat. Hija kellha sintomi ta’ influwenza u deni.