It-turisti se jgawdu minn aktar skiet das-sajf

Ix-xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir mhux se jkun permess fiż-żoni turistiċi fit-tliet xhur tas-sajf li ġej biex jonqos l-inkonvenjent għat-turisti.
Dan qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Uffiċċju tar-Regolazzjoni tal-Bini (BRO), u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA).
Dawn l-entitajiet diġà identifikaw it-toroq fejn dawn it-tip ta’ xogħlijiet mhux se jkunu jistgħu jsiru bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru. Ħareġ ukoll avviż legali dwar dan (LN295/07).
Il-lista sħiħa ta’ toroq tinsab hawn.
Fi stqarrija, il-PA qalet li xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir f’sit ta’ kostruzzjoni huwa l-akbar inkonenjent għar-residenzi tal-madwar.
Ksur tal-avviż legali jista’ jiġi rrapurtat fuq 2292 7608 waqt il-ħin tal-uffiċju jew inkella fuq 99637508 barra mill-ħinijiet tal-uffiċċju.