“It-tuffieħ imħassar m’għandux jeħel bih il-PL” – Evarist Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo sostna li t-tuffieħ imħassar m’għandux jeħel bih il-Partit Laburista.

Fil-messaġġ tal-lum ta’ Facebook, Bartolo sostna li l-Partit Laburista għandu fih ħafna nies onesti u ta’ rieda tajba li jridu jaraw lill-gvern jitmexxa bil-prinċipji li twieled għalihom kważi 100 sena ilu. Qal li l-partit inħoloq sabiex ikun hemm ħolqien ta’ ġid u xogħol, ġustizzja soċjali, demokrazija, kulħadd indaqs quddiem il-liġi, drittijiet ċivili, ċans għal kulħadd li jgawdi mill-edukazzjoni, is-servizz tas-saħħa u s-servizzi soċjali biex kulħadd jista’ jgħix ħajja diċenti.

Bartolo għal dawn l-aħħar ġimgħat ħareġ ħafna riflessjonijiet u kritika għas-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż. Insista li hemm bżonn bidla li ma tħallix kollox kif inhu. Li tkun bil-għaqal u bil-ħsieb. Insista li fejn hemm bżonn trid tinbidel ir-rotta biex ikun hemm pajjiż aħjar u b’isem tajjeb fid-dinja. Filwaqt li insista li bilfors irid ikun hemm żvilupp ekonomiku tajjeb insista li dan għandu jsir bla ma l-ftit familji tan-negozju jaħtfu l-pajjiż għalihom.

Semma kif issa l-poplu se jkun qed jisma’ ħafna dwar min jistgħu jkunu l-kaptana u l-ekwipaġġ li se jmexxu l-Partit Laburista u lill-pajjiż, iżda importanti li wieħed jaħseb sew fuq liema rotta se tittieħed sabiex ikun assigurat il-ġid tal-poplu u tal-pajjiż.