Filmat: “It-tsunami kontrija ġie u jien għadni hawn” – Delia

"Min iħobb lill-partit ma jmurx jikkomplotta"

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li t-tsunami kontrih ġie u hu għadu hemm bħala Kap.

Waqt li indirizza lill-partitarji fil-każin tal-Mellieħa, huwa beda billi kkwota l-ittra tar-riżenja ta’ Robert Arrigo fejn qal li tul dawn l-aħħar 30 xahar kien hemm tsunami kontra l-Kap. Stqarr b’leħen għoli li t-tsunami ġie u hu għadu hemm u hemm se jibqa.

Adrian Delia tkellem kontra dawk li fi kliemu jmorru f’kmamar magħluqa jikkomplottaw, dan b’referenza għal-laqgħa li seħħet ilbieraħ fid-dar ta’ Louis Galea.

F’diskors imqanqal huwa appella biex min se jaħdem għall-PN ikun leali u filwaqt li ammetta li hemm 17-il deputat kontrih huwa għamel il-mistoqsija jekk id-deputati jridux ikunu “parti mis-17 jew le”.

Din l-attività politika seħħet taħt kontroversja wara li l-Kumitat Sezzjonali tal-Mellieħa kiteb lid-diriġenti tal-Partit biex jipposponuha.

Tul id-diskors imqanqal tiegħu Delia stqarr li huwa determinat li jkompli jmexxi lill-PN filwaqt li qal li jrid jara rivoluzzjoni sħiħa fil-Partit Nazzjonalista. “Spiċċa ż-żmien tad-diskors, mil-lum tibda l-ħidma ta’ veru”, sostna Delia.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu Adrian Delia huwa rringrazzja lill-kelliema ta’ qablu, Edwin Vassallo u Graziella Galea kif ukoll lil David Agius, Robert Arrigo u Clyde Puli li kollha kemm huma kienu fis-sala.