
Uffiċjali Franċiżi sostnew li għalissa, it-truppi militari Franċiżi se jibqgħu fis-Sirja ta’ Fuq minħabba li militanti tal-hekk imsejjaħ ‘Stat Iżlamiku’ għadhom ma’ sparixxewx għal kollox.
L-istess uffiċjali esprimew is-sorpriża tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li joħroġ l-2,000 suldat Amerikan mir-reġjun. Iktar kmieni, Trump kien qal li t-truppi Amerikani rnexxielhom, darba għal dejjem, ineħħu l-militanti Iżlamiċi mir-reġjun. Bħala risposta, il-Ministru għad-Difiża Franċiża Florence Parly rrispondiet lil Trump fuq Twitter tgħid li avolja l-grupp ta’ militanti naqsu b’madwar 90%, il-battalja għadha ma spiċċatx għal kollox. Mistoqsi dwar il-konfużjoni, Diplomatiku Franċiż qal li issa draw it-taħwid tal-amministrazzjoni ta’ Trump. Żied jgħid li wieħed irid janaliżża d-dettalji u l-problemi li jkun hemm.