It-Tritoni se jiżfnu fil-Karnival

Ara ġej il-Karnival! Il-Belt Valletta diġà bdiet tipprepara biex mill-Ħamis 8 ta’ Frar sat-Tlieta 13 ta’ Frar tiċċelebra l-festa taż-żfin, ħelu, satira, arti u l-bluha, li tul dawk il-jiem issir in-norma.
Din is-sena t-Tritoni se jieħdu sehem ukoll. Fil-fatt, nhar is-Sibt 10 ta’ Frar, fit-8pm, se jibda l-Ballu tal-Karnival, attività li se tkun mifruxa madwar il-funtana tat-Tritoni fid-daħla tal-Belt Valletta.
Għal dan il-ballu huma mistiedna jattendu l-kumpaniji tal-Karnival u l-pubbliku kollha. Fost oħrajn, DJs lokali se jkunu qed idoqqu l-aqwa diski u magħhom se jingħaqdu l-Big Band Brothers.
Il-Karnival jibda l-Ħamis 8 ta’ Frar, biċ-ċerimonja tal-ftuħ fi Pjazza San Ġorġ fis-6pm. Wara jkun hemm iż-żfin tal-kumpaniji Ċ u D u anke l-Parata tal-Kostumi.
L-għada, il-Ġimgħa 9 ta’ Frar, fis-6pm jkun hemm iż-żfin tal-Kumpaniji A u B u wara jkun hemm defilè​ mmexxija mir-Re tal-Karnival, maskli grotteski, karrijiet satiriċi u l-karrijiet tal-Kumpaniji A.
Is-Sibt 10 Frar jiftaħ bil-Karnival tat-tfal fid-9:30am fejn ikun hemm żfin u anke defilè żgħira.
Dakinhar ukoll, fil-5pm, fis-6pm u fis-7pm se tittella’ produzzjoni minn Teatru Malta bl-isem ta’ “L-Għarusa Karfusa.” L-istorja ddur madwar imħabba impossibbli bejn frotta u ħaxixa.
Is-Sibt, fil-5pm jibda programm imballat fi Pjazza San Ġorġ li matulu jkun hemm iż-żfin tal-Kumpaniji A, B u D u d-defilè sħiħa b’karrijiet tal-Kategoriji A, B u Ċ (jiġifieri inkluiż il-karrijiet trijonfali).
Il-Ħadd il-programm jibda fin-12:30pm, bil-karrijiet kollha jidħlu wara xulxin minn fuq Kastilja, għal Triq Merkanti, Triq l-Arċisqof għal Pjazza San Ġorġ u jkomplu miexja tul Triq ir-Repubblika, Pjazza Tritoni u jibqgħu sejrin sa Sarria.
Sadanittant, fis-2pm, jibda programm fi Pjazza San Ġorġ li jinkludi żfin tal-Kumpaniji Ċ sakemm jibdew jaslu l-karrijiet. Il-kumpaniji li għandhom ukoll il-karrijiet, jiżfnu ż-żifna tagħhom mal-wasla tal-karru.
L-għada t-Tnejn, il-programm fi Pjazza San Ġorġ jibda fl-10am b’parata mit-tfal bil-parteċipazzjoni ta’ skejjel taż-żfin kemm Maltin u Għawdxin apparti l-kumpaniji Ċ. Din il-parata se ddur ukoll mat-toroq tal-Belt.
Fit-3:30pm imbagħad jibda programm bis-sehem tal-Kumpaniji A, B u Ċ quddiem Kastilja u jkompli b’defilè fi Triq Merkanti, Triq l-Arċisqof għal Pjazza San Ġorġ. Wara l-wirja fi Pjazza San Ġorġ, il-karrijiet u l-kumpaniji jkomplu miexja tul Triq ir-Repubblika.             
Il-programm tal-aħħar jum tal-Karnival jibda fl-10am fil-Parata tat-Tfal tul it-toroq tal-Belt u Pjazza San Ġorġ. Din tintemm bi spettaklu fi Pjazza Teatru Rjal li se tinkludi grupp tal-Opera miċ-Ċina.
Il-Karnival jintemm b’defilè fit-toroq tal-Belt Valletta li jilħaq il-qofol tiegħu fi Triq Sant’ Anna l-Furjana.