It-triq għall-paċi tibqa’ l-messaġġ tal-Papa fil-Kenja

Fit-tielet jum taż-żjara tiegħu fl-Afrika, il-Papa Franġisku se jasal fit-tieni mit-tliet pajjiżi li se jkun żar f’dawn il-jiem – l-Uganda.
Dalgħodu fil-Kenja żar il-kwartier tal-fqar, f’Kangemi, f’Nairobi, fejn tkellem dwar l-emarġinazzjoni tal-bniedem li, fi kliem il-Papa, titwieled minn feriti pprovokati minn minoranzi li jkunu qed ifittxu l-poter u r-rikkezzi u jġiegħlu lil oħrajn isibu rifuġju f’periferiji abbandunati, imniġġża u skartati.
Il-Papa għalhekk ħeġġeġ l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-isport bħala mezzi biex permezz tagħhom il-Kenja tasal għal paċi vera u dejjiema.
F’laqgħa qabel maż-żgħażagħ, il-Papa wissa kontra l-korruzzjoni li, qal, telimina l-paċi u s-serenità f’dak li jkun minkejja li tista’ tidher ħelwa għal ftit taż-żmien.
Il-Papa rrifletta kif żgħażagħ mimlija ideali jisfaw miġbuda lejn ir-radikaliżmu reliġjuż u staqsa x’għandu jagħmel żagħżugħ jekk ikun bla xogħol u bla skola u ma jafx kif se jokkupa ħinu.
Fiż-żjara tiegħu fl-uffiċċji tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Nairobi, il-Papa saħaq fuq il-ħtieġa tal-ħarsien tal-klima u li isem Alla ma jistax jintuża għal vjolenza.