It-triq għaċ-Ċirkewwa għadha fid-dlam: “jistennew parts tal-bozoz minn barra”

Google

It-triq li tagħti għaċ-Ċirkewwa se terġa’ tinxtegħel kollha bid-dawl mal-wasla ta’ xi partijiet tal-bozoz minn barra skont Transport Malta (TM).

Kelliem għal TM qal ma’ Newsbook.com.mt li parti kbira minn Triq il-Marfa se tkun qed tingħata lura d-dawl din il-ġimgħa. Spjega li l-kuntrattur, Polidano Group, se jkun qed ibiddel cable li ġralu xi ħsara. Żied jgħid li hemm numru ta’ bozoz li nkisru u li l-kuntrattur qed jistenna xi partijiet għalihom minn barra biex it-triq tinxtegħel kollha bid-dawl.

Fit-8 ta’ Settembru Newsbook.com.mt kien irrapporta li Triq il-Marfa kienet għadha bla dawl wara li kien ilu maqtugħ għal diversi jiem. Kelliem għal Transport Malta kien qal ma’ Newsbook.com.mt li qabdu kuntrattur biex isewwi l-ħsarat li “żviluppaw minħabba l-irjiħat qawwija li ħakmu lil Malta”. Minkejja li kien mistoqsi darbejn, il-kelliem ma speċifikax id-data li fiha bdiet din il-problema jew meta se titranġa.