It-triq għaċ-Ċirkewwa bla dawl “minħabba r-riħ” – TM

Google

Triq il-Marfa fiċ-Ċirkewwa spiċċat bla dawl minħabba r-riħ li għamel riċentament f’Malta skont Transport Malta.

Kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li qabdu kuntrattur biex isewwi l-ħsarat li “żviluppaw minħabba l-irjiħat qawwija li ħakmu lil Malta xi jiem ilu”. Il-kelliem żied jgħid li l-awtorità “tifhem l-apprensjoni ta’ xi sewwieqa minħabba n-nuqqas ta’ dawl fit-triq”. Appellat lis-sewwieqa biex iqisu l-limiti tal-vettura, tat-triq, u l-limiti tagħhom bħala sewwieqa “biex inaqqsu l-eventwalita ta’ xi inċident”.

Il-kelliem ma speċifikax id-data li fiha bdiet din il-problema jew meta se titranġa. Din it-triq tintuża minn dawk li jagħmlu użu mis-servizz tal-Gozo Channel biex jaqsmu l-fliegu. Hemm total ta’ 4 bus stops fit-triq, tnejn faċċata ta’ xulxin fiż-żewġ truf tat-triq.

Fil-bidu ta’ Awwissu, diversi lokalitajiet intlaqtu minn maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin fosthom dawk fit-Tramuntana ta’ Malta u Għawdex. Il-maltempata żviluppat mit-Tramuntana tal-Italja u baqgħet nieżla lejn in-Nofsinhar. Ftit wara ħarġet twissija ta’ maltemp qawwi bir-ragħad u s-sajjetti fuq il-Gżejjer Maltin.

Ragħad qawwi nstema’ f’ħafna partijiet tal-Gżejjer Maltin u kien hemm ix-xita f’diversi lokalitajiet, inkluż fix-Xwejni, Valletta u Madliena fit-22 ta’ Awwissu. Dakinhar minħabba r-riħ, il-Malta Red Cross immarkat bosta bajjiet madwar il-Gżejjer Maltin b’żewġ bnadar ħomor.

F’nofs Awwissu nuqqas ta’ riħ u arja aktar friska f’livelli għoljin tal-atmosfera, ikkawżaw l-iżvilupp terrestriju fuq l-art ta’ maltempata bir-ragħad iżolata fin-Nofsinhar ta’ Malta.