It-trattament li tagħti l-Ingilterra lil min qed ifittex l-ażil hu tal-mistħija

Il-Kardinal Vincent Nichols ma’ xi emigranti

Il-Kardinal Vincent Nichols iddeskriva t-trattament li l-Gvern Ingliż jagħti lil dawk li qed ifittxu ażil bħala wieħed iebes ħafna u hu “ta’ mistħija għal pajjiżna.”

Waqt żjara li għamel lis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS) fil-Lvant ta’ Londra, l-Arċisqof ta’ Westminster qal, “Jekk ilek hawn għal 10 snin u m’għandekx fejn toqgħod, ma għandekx fejn tistudja, ma tistax taħdem, m’għandek ebda dħul daqslikieku qed ngħidulek ‘int mhux bniedem’ u din il-kruha rajt b’għajnejja llum. Ma nista’ ngħid xejn aktar ħlief li dan hu tal-mistħija għal pajjiżna.”

Il-Kardinal għamel din id-dikjarazzjoni wara li sema’ l-istejjer ta’ numru ta’ individwi li qed ikunu megħjuna u akkumpanjati mill-JRS – li hi organizzazzjoni internazzjonali preżenti f’51 pajjiż b’missjoni li tgħin u taqdi lir-refuġjati. Fl-Ingilterra l-JRS tgħin bejn 200 u 250 persuna kull xahar. Bħalissa qed tiffoka l-ħidma tagħha fuq “dawk li jħossuhom abbandunati minħabba l-politika tal-Gvern u dawk li qed jinżammu arrestati minħabba l-proċeduri tal-imigrazzjoni.”

Il-Kardinal Nichols ikkritika bl-aħrax lill-Gvern għal dak li hu ddeskriva bħala ‘politika ostili’ u żied jgħid li “Naħseb li tkun fil-JRS qisu għandek dawl żgħir li jħallik tara l-kruha tan-nies li hawn hawnhekk u dak li rajt u smajt f’din iż-żjara hu kemm hi kerha d-dinja ta’ dawn in-nies. Mhux biss, imma fhimt ukoll li dan id-dlam hu maħluq apposta għax naħsbu li jekk nitrattaw lin-nies b’dan il-mod iwassal biex ma jkunx hemm persuni oħra li jfittxu kenn f’pajjiżna.”

“Ma jistax ikun sew li bniedem jitħalla f’dan il-limbu għal 10 snin jew aktar f’pajjiż sofistikat u sinjur bħal tagħna,” żied il-Kardinal.

Min-naħa tiegħu kelliem għall-Ministeru tal-Intern, b’risposta għall-kritika tal-Kardinal Vincent qal li l-Ingilterra hi kburija bl-istorja tagħha fejn jidħol l-ażil lil dawk li jinħtieġu protezzjoni. Aħna nassiguraw li dawk li qed ifittxu l-ażil ikunu megħjuna tajjeb waqt li t-talba tagħha qed tkun proċessata billi nipprovdulhom fejn joqogħdu u għotja ta’ flus biex ikunu jistgħu jgħixu jekk m’għandhomx biex.”