It-trasparenza tal-finanzi tal-Gvern taħt lenti ġdida ‘radikali’

Ġie ffirmat ftehim li bih se tiddaħħal sistema ta’ accounting li tagħti rendikont aktar trasparenti tad-dħul u l-infiq tad-Dipartimenti tal-Gvern.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, qal fi stqarrija li s-sistema Corporate Financial Management Solution (CFMS) se ġġib “bidla radikali” fil-mod kif isiru l-accounts tal-Gvern.
Dan għaliex se titneħħa s-sistema preżenti, il-cash flow accounting, u tidħol fis-seħħ dik tat-tip accrual accounting, jiġifieri meta l-ispejjeż irreġistrati jitniżżlu mill-ewwel fil-kotba, u mhux jitniżżlu meta jitħallsu.
Is-sistema se tiġi tiswa mal-€11.6 miljun, u se tiġi implimentata mill-kumpanija Grant Thornton Malta, liema implimentazzjoni se tieħu 30 xahar.
Il-Ministru rrimarka li biex is-sistema tiġi sfruttata 100%, il-ħaddiema fid-diprtimenti kkonċernati jridu jkunu mħarrġa sewwa.
Fil-fatt se jsir taħriġ mal-impjegati, kif ukoll se jiddaħħlu ħaddiema ġodda li jafu kif taħdem is-sistema sabiex jgħinu lil ħaddieħor. Dan hekk kif id-Dipartiment tat-Teżor se jkun jeħtieġ numru ta’ ħaddiema fuq bażi full-time biex jagħmlu x-xogħol operattiv u jimplimentaw id-diversi stadji tal-proġett.
Il-ftehim sar bejn il-kumpanija msemmija u d-Dipartiment tal-Kuntratti.
Ritratt: Jason Borg