“It-traskuraġni fil-bini qed jhedded l-ekonomija” – Professur

Professur mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni, Dr Ruben Paul Borg, qal li l-użu ta’ materjal ta’ kwalità inferjuri fil-bini f’Malta, mhux biss qed jhedded is-sigurtà tan-nies li jgħixu fil-binja, iżda lill-ekonomija wkoll. 
Waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-periti u l-inġiniera l-ġodda fl-Università ta’ Malta, Dr Borg spjega li "materjal irħis u tat-tilqit", jista' jagħmel iktar deni milli ġid, hekk kif jiżdied ir-riskju li ssir ħsara lill-bini iktar ‘il quddiem, u miegħu jiżdiedu l-ispejjeż tal-manutenzjoni, tad-dawl, u tal-bini mill-ġdid, b’mod partikolari fejn issir ħsara irriversibbli.
"L-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni"
Dr Borg saħaq li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jieħdu azzjoni biex jirregolaw l-ispinta li ħadet l-industrija tal-bini f'dawn l-aħħar snin, billi jtaffu l-piż fuq ir-riżorsi naturali limitati tal-pajjiż u jtaffu wkoll il-piż maħluq mill-iskart.
Huwa kompla javża lill-gradwati l-ġodda li t-tendenzi tal-bini f’Malta mhumiex sostenibbli, u għalhekk ħeġġiġhom biex jisfidaw is-sitwazzjoni attwali tal-kostruzzjoni fil-pajjiż u jkunu mhux biss sostenibbli iżda wkoll innovattivi f’xogħolhom.
Dan, qalilhom, ma jsirx billi jużaw materjal u teknoloġiji ġodda biss, iżda billi jsibu użu ġdid għal materjal li ftit li xejn jintuża.  
Filwaqt li awgura lill-gradwati l-ġodda għall-kisbiet tagħhom, Dr Borg temm ifakkarhom dwar l-importanza ta’ xogħolhom, l-impatt li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkollhom fuq l-ambjent ta' madwarhom u, fuq kollox, id-dmir tagħhom li jpoġġu l-bżonnijiet tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.