It-tranżazzjonijiet suspettużi żdiedu b’2,700 f’9 snin – FIAU

Il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) irrappurtat żieda ta’ 2,700 rapport ta’ tranżazzjonijiet suspettużi mill-2010 sal-2019.

F’aġġornament li ppubblikat ilbieraħ, l-FIAU tat id-dettalji tal-ħidma tagħha tul is-sena li għaddiet, fosthom iż-żieda fir-riżorsi umani. L-aġenzija bħalissa għandha 23 impjegat, imma dawn huma mistennija jiżdiedu sa Ġunju li ġej. Għal dan il-għan, l-aġenzija qed tara li tkabbar l-uffiċċji tagħha fl-istess binja f’Birkirkara.

Ġabet eżempju ta’ kif żiedet l-impjegati bis-Sezzjoni tas-Superviżjoni u l-Infurzar, li llum għandha 29 impjegat, filwaqt li fl-2018 kellha 10 impjegati. Sal-2022 huwa mistenni li l-ħaddiema jitilgħu għal 58 f’din is-sezzjoni. Fl-2019, din is-sezzjoni qasmet l-operat tagħha fi tliet timijiet. Is-Sezzjoni tal-Affarijiet Legali nqasmet f’żewġ timijiet.

Rigward ir-rapporti tat-tranżazzjonijiet suspettużi, l-FIAU ppubblikat tabella biex turi dawn kemm żdiedu, partikolarment fl-aħħar tliet snin.

Fl-2019, l-FIAU investigat 1,548 rapport spontanju flimkien ma’ aġenziji oħrajn bħalha. Sal-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena, kważi 600 rapport spontanju tqassmu lil dawn l-aġenziji. Apparti dan, l-FIAU provdiet tweġibiet lil FIUs barranin f’ġimgħa f’70% tal-każijiet. Fl-2019, l-FIAU wieġbet talbiet għal informazzjoni mingħand awtoritajiet kompetenti dwar iżjed minn 3,000 individwu u każ.

L-aġenzija qalet ukoll li fl-2019 addottat metodu ġdid ta’ risk assessment, li jaħdem bit-teknoloġija. Qed tameljora l-istrateġija tagħha billi ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u mal-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA).

Apparti dan, l-aġenzija saħħet l-infurzar tagħha wara rakommandazzjonijiet li sarulha minn MONEYVAL u mill-Awtorità Ewropea għall-Banek (EBA), billi addottat politika ta’ sanzjonijiet ġdida.

Il-bqija tal-aġġornamenti tal-FIAU tista’ taqrahom hawn.