Lesti t-transfers tal-kapijiet u l-assistenti kapijiet fl-iskejjel

Hekk kif minn hawn u madwar 40 ġurnata oħra jerġgħu jiftħu l-iskejjel madwar Malta u Għawdex għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-maġġoranza tat-transfers tal-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet huma lesti.
Dan ifisser li minn żmien għall-ieħor, is-Senior Management Team (SMT) tad-diversi skejjel madwar Malta u Għawdex jibda’ u jkompli jiltaqa’ anke fil-vaganzi tas-sajf biex tkun assigurata tmexxija effettiva fl-iskejjel.
Minħabba li t-transfers jidħlu fis-seħħ b’mod uffiċċjali fl-ewwel jum ta’ Settembru, f’dawn il-jiem, xi kapijiet tal-iskejjel ikunu qed ilaħħqu ma’ żewġ skejjel f’daqqa. Dan anke sabiex issir il-handover.
Hekk kif mis-sena skolastika li jmiss se jkunu introdotti diversi bidliet fl-edukazzjoni b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-ko-edukazzjoni u l-middle schools, hu mifhum li diversi għalliema se jkunu mċaqalqa.
F’dan iż-żmien tas-sajf jinsab għaddej ukoll il-programm ta’ manutenzjoni li l-Gvern ħabbar is-sena li għaddiet, meta ġew allokati €15-il miljun għall-manutenzjoni u bini fl-iskejjel.