It-traffiku u l-iskart jistgħu jnaffru t-turisti minn Malta – KE

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) qalet li l-konġestjoni fit-toroq u d-diffikultajiet fl-immaniġġjar tal-iskart għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-attrazzjoni ta’ Malta għat-turisti.
Fir-rapport annwali tagħha dwar Malta, il-KE qalet li t-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija. Qalet li huwa stmat li t-turiżmu jikkontribwixxi bejn 6% u 17% lejn l-ekonomija. Intqal li n-numru ta’ turisti li ġew Malta żdied fl-2015 u fl-2016. Jidher li fl-2017 in-numru reġa’ kiber.
Skont il-KE, dan is-settur jiddependi ħafna fuq il-provvista stabbli tal-ilma u fuq l-impatti tat-tibdil fil-klima. Intqal ukoll li l-possibbiltà tar-rimi illegali tal-iskart tal-kostruzzjoni jista’ jhedded il-kosta Maltija.
Fir-rapport tagħha, il-KE rrimarkat li jekk is-settur tat-turiżmu jkompli jiżviluppa, dan jista' joħloq aktar pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, l-iskart, l-ilma, u fuq it-traffiku.
Fi kliem il-KE, il-konġestjoni fit-toroq Maltin tiġi l-aktar mill-karozzi tal-Maltin stess, però tkompli tgħid li t-turisti jżidu mal-problema fl-istaġuni li fihom it-turisti jżidu l-popolazzjoni b’65%.
Fl-istess rapport il-KE kienet ikkummentat dwar kif il-barranin jieħdu xogħol il-Maltin minħabba nuqqas ta' ħiliet, u anke dwar in-nuqqas ta' ftehim bejn aġenziji ta' kontra l-korruzzjoni.