It-traffiku llum żdied; juri li l-poplu qed jillaxka – Maria Deguara

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li llum kulħadd seta’ jinnota li t-traffiku reġa’ żdied, u li dan juri li l-poplu qed jillaxka. It-tabiba Deguara kienet qed titkellem dwar l–abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar is-saħħa pubblika, bil-għan li jikkumbatti t-tixrid tal-coronavirus.

Hi qalet li l-liġi se tagħti garanzija li l-ordnijiet jiġu obduti għaliex issa l-multi għandhom is-saħħa tal-liġi u dawn kellhom jogħlew wara li l-kwarantina ma kinitx qed tkun osservata.

Id-deputat Nazzjonalista saħqet li jekk kulħadd jimxi mal-ordnijiet, il-virus ikun ikkontrollat malajr u trattat l-aspett tal-ekonomija u l-mod kif din qed tkun affettwata bit-tixrid tal-marda.

“Kieku għalaqna l-fruntieri, il-coronavirus ma kienx jiżdied f’Malta” – Spiteri

Il-kelliem Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li kieku l-fruntieri tal-pajjiż ingħalqu qabel, il-coronavirus ma kienx jiżdied fil-pajjiż. Spiteri stqarr li l-akbar ġlieda se tkun kontra l-ħin u osserva li għandu jkun assigurat li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jlaħħqu mal-każijiet tal-virus. Huwa qal li madanakollu l-isptar mhux qiegħed hemm għall-coronavirus biss, iżda jrid jieħu ħsieb ukoll pazjenti oħra li huma morda b’mard ieħor fosthom morda bil-kanċer.

Minn naħa tiegħu, Jason Azzopardi qal li dan l-abbozz sar bla ebda konsultazzjoni u li dan jista’ joħloq problemi fil-futur bħal tibdil fil-ħinijiet tal-qorti.  Huwa qal li s-Saħħa Pubblika se tbiddel il-ħinijiet legali dwar skadenzi, kuntratti u konvenji, preskrizzjonijiet u dekadenzi. 

Jekk xi ħadd jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni ma ġara xejn, l-ewwel is-saħħa tan-nies – Zammit Lewis

Intant il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li mhux veru li ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Kamra tal-Avukati. Madanakollu, hu sema’ dak li kellhom jgħidu l-avukati iżda għażel li jagħmel dak li jħoss li għandu jagħmel. Huwa qal li jekk ikun hemm xi ħadd li jieħu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni, ma jkun ġara xejn għax f’dan il-mument li l-Prim Ministru u d-deputat Prim Ministru huma ffukati li jaraw li saħħet il-Maltin tkun salvagwardjata.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn