It-traffiku, l-korruzzjoni u l-immigrazzjoni, l-iżjed li qed jinkwetaw lill-Maltin

Stħarriġ li għadu kemm sar, juri li t-traffiku, l-korruzzjoni u l-immigrazzjoni huma l-iżjed tliet affarijiet li qed jinkwetaw lill-Maltin.
Meta mqabbel ma’ stħarriġ li sar f’Ġunju, l-ambjent għalissa jidher li mhux qed jitqies bħala problema.
L-istħarriġ sar minn InsightPolls li hi parti mill-kumpaniji MISCO u Corporate Identities.
Fl-istħarriġ, li sar onlajn bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru, ħadu sehem 514 persuna.
Il-problemi ewlenin li qed taffaċċja Malta bħalissa:

 %
It-traffiku43
Il-korruzzjoni21
L-immigrazzjoni20
L-ambjent7
L-edukazzjoni3
Il-liġi u l-ordni pubblika2
Is-sitwazzjoni internazzjonali1
L-ekonomija1
Is-saħħa1
Il-qagħad< 1
L-ebda problema partikolari1

L-oqsma ekonomiċi jidhru li mhumiex jitqiesu bħala problema bħalissa. Barra minhekk fiż-żmien li sar l-istħarriġ, is-sitwazzjoni internazzjonali ma kinitx meqjusa ta’ tħassib. L-istħarriġ sar qabel il-Valletta Summit u l-attakki terroristiċi f’Pariġi.
It-traffiku bħalissa hu meqjus bħala l-problema ewlenija, hi x’inhi l-età. Filwaqt li dawk il-persuni taħt il-45 sena semmew l-immigrazzjoni bħala t-tieni l-akbar problema, dawk ta’ ‘l fuq minn 45 sena jaraw il-korruzzjoni bħala t-tieni l-akbar problema. Għan-nisa, l-akbar problema hija t-traffiku u l-immigrazzjoni filwaqt li għall-irġiel, wara t-traffiku, it-tieni l-akbar problema hi l-korruzzjoni.
L-istħarriġ staqsa wkoll kemm huma sodisfatti dwar il-Baġit. 58% qalu li huma sodisfatti ħafna jew sodisfatti mhux ħażin filwaqt li 42% qalu li mhumiex sodisfatti jew li mhuma sodisfatti xejn. Persuni taħt il-35 sena dehru li kienu iżjed sodisfatti bil-Baġit minn persuni li għandhom aktar minn 35 sena.