It-traffiku fuq l-internet inqaleb ta’ taħt fuq – Arthur Azzopardi, GO Business, Newsbook Webinar

Read in English.

Il-Kap tal-GO Business Arthur Azzopardi qal li l-Covid-19 firdet in-nies minn ma’ xulxin u mill-postijiet li jmorru s-soltu. Fi kliemu, din il-firda ttaffiet parzjalment bis-saħħa tat-teknoloġija.

Azzopardi kien wieħed mill-kelliema ewlenin waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ekonomija wara l-Covid.

Huwa saħaq li l-pandemija affettwat ukoll ir-rutini tat-traffiku fuq l-internet, hekk kif qalbet ta’ taħt fuq il-mod kif il-Maltin jaħdmu u jirrilassaw. Insista li t-traffiku fuq l-internet żdied u bidel il-postijiet hekk kif ħafna ħadmu mid-dar u żiedu l-komunikazzjoni tagħhom virtwalment biex tieħu post il-komunikazzjoni reali. Madanakollu, saħaq Azzopardi, it-teknoloġija waħedha mhix biżżejjed.

Arthur Azzopardi stqarr li l-modi ġodda ta’ xogħol irrekjedew li wieħed jifhem id-dinja diġitali. Osserva kif l-edukazzjoni hija kruċjali u li mingħajr Malta ma tistax tittama li tnaqqas id-digital divide.

“L-immaniġġjar tal-ħaddiema b’mod remot hija bidla fundamentali. Il-maniġment ma baqax iffukat fuq x’qed jagħmel l-impjegat imma aktar dwar x’qed jipproduċi. Din il-kriżi tefgħetna f’dan l-esperiment u għaġġlet il-bidla. Prattiċi tajbin li tgħallimna f’dan il-proċess għandhom jiġu nnutati u sostnuti, għax tkun ħasra li jekk immorru lura għan-normal nitilfu l-aspetti pożittivi ta’ din l-esperjenza”, żied jgħid Arthur Azzopardi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn