It-traffiku fl-MIA jiżdied b’9.9%

It-traffiku ta’ passiġġiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul ix-xahar ta’ Mejju żdied b’9.9%.
Fi stqarrija, l-MIA qalet li meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, l-ajruport laqa’ 40,000 passiġġier ġdid.
Il-maġġoranza ta’ dawk li waslu fl-ajruport Malti kienu ġejjin mill-italja u l-Ġermanja.
L-ajruport issa qed jopera żewġ rotot ġodda, lejn Helsinki u Warsaw kif ukoll ħames linji tal-ajru ġodda u frekwenza ikbar ta’ vjaġġi.  
It-traffiku mill-Ġermanja żdied b’mod sostanzjali, bi 32%. Dan grazzi għall-operazzjonijiet Cruise and Fly li bdew xahrejn qabel iż-żmien ippjanat.
Ir-Renju Unit baqa’ l-ikbar suq fis-settur tat-turiżmu, b’żieda ta’ 1.5% meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Madanakollu, kien hemm tnaqqis ta’ 5.8% mir-rotot minn Franza.