It-traffikar uman qed jiżdied fl-Amażonja

L-Amazonia: fejn it-traffikar uman qed jiżdied

Meta nitkellmu fuq it-traffikar uman, l-ewwel atitudni li rridu nieħdu hi li npoġġu lilna nfusna fiż-żarbun tal-vittmi. It-traffikar hu ksur tad-dinjità u tad-drittijiet umani fejn il-ħajja ssir komodità.

Dan kien enfasizzat mis-Soru Eurides Alves de Oliveira li tifforma parti min-Network “Un gritopor la Vida”. Hi qalet dan f’intervista li tat aktar kmieni din il-ġimgħa lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattoliċi, Fides.

Wieħed mir-reġjuni fejn it-traffikar uman żdied b’mod drammatiku hu l-Amażonja, fejn in-numru ta’ rotot tat-traffikar immultiplikaw.

Quddiem din il-pjaga hemm bżonn li jitwaqqfu mekkaniżmi li jikkonfrontaw il-fenomenu u jagħmlu din il-problema aktar viżibbli billi tkun rappurtata u jiżdiedu l-pieni għal min jinstab ħati, billi tiżdied il-prevenzjoni u l-inċidenza politika.

Il-fenomini tal-emigrazzjoni u t-traffikar uman kienu suġġett ta’ Seminar “L-emigrazzjoni Furzata u t-Traffikar Uman”, organizzat mill-Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet tal-Brazil li saret f’Manaus il-ġimgħa li għaddiet bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 100 rappreżentant minn disa’ djoċesijiet tar-reġjun tat-tramuntana tal-pajjiż.

Għal dik li hi migrazzjoni, nistgħu ngħidu li l-Amerika Latina hi r-reġjun fejn hemm l-akbar numru ta’ emigranti u issa rotot ġodda ta’ migrazzjoni qed jidħru wkoll fl-Amażonja. Dan kien enfasizzat mis-soċjologa Marcia de Oliveira, konsulenta tas-Sinodu tal-Amażonja. Hi sostniet li “gruppi speċjalizzati fl-esplojtazzjoni tax-xogħol tal-emigranti żdiedu” u saħqet fuq ir-rwol tal-istituzzjonijiet kemm fil-Knisja kif ukoll barra minnha, li jaħdmu dwar l-emigrazzjoni.

Quddiem l-atitiduni xenofobika u l-persekuzzjonijiet li qed isofru l-emigranti u l-istituzzjonijiet li jgħinuhom, is-soċjolaga nsistiet fuq il-bżonn li nibdew naħsbu fuq il-problema tal-mibegħda kontra l-emigranti fil-komunitajiet ekklesjastiċi tagħna.

Mgr. Evaristo Spengler,  Isqof ta’ Marajò, u membru tal-Kummissjoni Pastorali għall-ġlieda kontra t-traffikar uman tal-Isqfijiet Braziljani, irrikonoxxa li ż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Amażonja kkontribwiet biex għamlet dan il-fenomenu tal-migrazzjoni u t-traffikar uman, aktar viżibbli filwaqt li nsista li “aħna soċjetà li nsejna nibku u nuru ħniena”.

Matul is-seminar, żewġ Isqfijiet ippreżentaw ix-xogħol imwettaq mill-Knisja Kattolika biex tilqa’ l-emigranti mill-Venezuela li qed ifittxu kenn fil-Brazil u nsistew li l-ħidma biex ikunu megħjuna l-emigrantiu jkun miġġieled it-traffikar uman trid tkun l-impenn ta’ kulħadd.