“It-tradiment u l-qalb korrotta huma l-pjagi tal-Knisja llum”

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi saħaq li l-pjagi ta’ Kristu jfakkruna fil-pjagi tal-Knisja llum, li sostna, huma riżultat ta’ tradiment u ta’ qalb korrotta li tnawwar minn ġewwa.

Waqt l-omelija fl-okkażjoni tal-festa tal-Għoti tal-Pjagi ta’ San Franġisk ta’ Assisi, l-Isqof Awżiljarju spjega kif San Franġisk ħadem biex il-Knisja tkun dejjem aktar kif riedha Ġesù, ħielsa minn dak li jista’ jikkorrompiha u mill-abbuż, u Knisja fejn id-dixxipli ta’ Ġesù ma jħarsux lejn xulxin bħala għedewwa jew jehdew bil-piki, bil-kunflitti jew iweġġgħu lil xulxin bi kliemhom.

Irrimarka li l-pjagi ta’ Kristu kienu wkoll frott tat-tradiment tan-nies li kienu dixxipli tiegħu. Semma wkoll il-pjagi tas-soċjetà li huma riżultat ta’ vjolenza, mibegħda, egoiżmu u abbuż.

Mons. Galea-Curmi qal li l-pjagi li San Franġisk kien irċieva madwar sentejn qabel mewtu, komplew seħbuh mill-qrib ma’ Ġesù Kristu. Fisser kif kellu wkoll il-kuraġġ li jieħu azzjoni u jittrasforma l-ħażin fit-tajjeb. L-Isqof Awżiljarju ddeskriva lil San Franġisk bħala l-ħabbar tat-tama f’dinja ta’ qtigħ il-qalb. Insista li l-messaġġ ta’ San Franġisk hu li dejjem inżommu ħarsitna fuq Kristu msallab.

Mons. Galea-Curmi spiċċa l-omelija tiegħu billi qal li hi biss l-imħabba ta’ Alla li tista’ tgħinna biex inkunu magħqudin tassew ma’ Kristu msallab.