It-tqala fi żmien il-Covid-19: X’għandek tkun taf?

Unsplash

F’dan iż-żmien tal-pandemija tal-coronavirus, nisa li jkunu qed jistennew tarbija qed jitqiesu bħala persuni vulnerabbli flimkien mal-anzjani u dawk li għandhom xi kundizzjoni medika oħra. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tas-saħħa jħeġġuhom biex joqogħdu aktar attenti filwaqt li jaħslu jdejhom spiss u f’każ li jkollhom joħorġu jżommu d-distanza soċjali.

Prof. Yves Muscat Baron, il-Kap tad-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei wieġeb uħud mill-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt irċieva mill-qarrejja fl-aħħar ġimgħat.

Kif jaffettwa t-tqala l-coronavirus?

Bħalissa qed noqogħdu fuq letteratura li ġejja miċ-Ċina fejn b’kollox kien hemm 19-il mara tqila bil-covid-19, li l-maġġoranza tagħhom marru tajjeb. Wieħed jifhem li fi żmien xhar inqalbet id-dinja u għaldaqstant wieħed jibqa’ jżomm ruħu aġġornat jum wara jum.

Mara tqila għandha toqgħod attenta jekk jitlgħalha d-deni. L-uniku mod li tarbija tista’ tneħħi s-sħana huwa mill-kurdun. Importanti li f’każ ta’ deni tieħu paracetamol u tixrob ħafna ilma biex tnaqqas it-temperatura. Mir-riċerka li saret ma jidhirx li hemm trażmissjoni qawwija bejn l-omm u t-tarbija. Instab ukoll li tarbija minnhom għandha ċ-ċelloli li jiġġieldu kontra l-Covid-19, twieldet bi protezzjoni kontra din l-infezzjoni.

Każ ieħor, ta’ trażmissjoni bejn l-omm u t-tarbija, kien minħabba li t-tarbija kienet viċin ħafna tal-omm waqt it-treddigħ.

Mara bil-Covid-19 kif teħles?

Normali, sakemm ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet mediċi. M’hemm l-ebda indikazzjoni li turi li għandha ssir ċesarja jekk għandek il-Covid-19.

Is-sieħeb tal-mara jkun jista’ jakkumpanjaha waqt il-ħlas?

Is-sieħeb jista’ joqgħod mal-mara sakemm ma jkunx pożittiv għall-Covid-19 u sakemm ma jkunx fi kwarantina. Dan qed isir biex jitnaqqas ir-riskju li l-virus jgħaddi għall-omm, għat-tarbija u għall-ħaddiema tal-isptar.

It-tarbija tiġi iżolata minn omm pożittiva għall-coronavirus?

Le, wara t-twelid it-tarbija ma tinżammx fl-istess sala mal-omm pożittiva għall-coronavirus. Biex tredda’ l-omm tista’ xorta tiġbed il-ħalib biex jingħata lit-tarbija. Dan jgħin biex it-trawma tal-firda tkun inqas. L-omm u t-tarbija jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien meta lil omm isirulha żewġ testijiet ta’ swab, li jirriżultaw negattivi. Dawn għandhom isiru 12-il siegħa ‘l bogħod minn xulxin. Jista’ jfisser li l-omm u t-tarbija jdumu mifrudin minn xulxin għal ġimgħat.

Bħalissa huwa żmien ideali li mara tinqabad tqila?

L-aħjar ħaġa li wieħed jippjana t-tqala meta s-sitwazzjoni tkun iktar kalma. Bħalissa hawn ftit ansjetà, ħafna nies qed ibatu, min għandu xogħlu mdendel, min tilef xogħlu, dawn iż-żminijiet mhumiex ideali biex tinqabad. Il-covid jista’ jtellalek id-deni hafna – id-deni mhux tajjeb waqt tqala. Għal dawn ix-xahrejn, jew forsi ftit iżjed, għalissa ma jippjanawx tqala. Ir-raġuni tgħidlek li noqogħdu attenti u nevitaw tqala bħalissa.

Mara tqila għandha tibqa’ tmur l-isptar għall-visti tat-tqala?

Iva, il-visti tat-tqala huma importanti ħafna. Huwa riskju akbar għal mara tqila li ma tmurx għall-visti milli jaqbadha l-coronavirus. Il-visti tat-tqala huma importanti għax jistgħu jevitaw kumplikazzjonijiet. Bħalissa s-Sala tal-Maternità qed taqdi biss lil nisa tqal u għaldaqstant mhux se jkun hemm iffullar għal appuntamenti ġinekoloġiċi.

L-impjegati tal-isptar li qed jistennew tarbija kif qed ikunu protetti?

Impjegati li qed jistennew tarbija m’għandhomx jiġu għax-xogħol. Nisa tqal jagħmlu 1% tal-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex u għaldaqstant jekk ma jidħlux għax-xogħol mhux se jkun hemm diżastru.

X’tibdil sar fis-Sala tal-Maternità f’Mater Dei?

Id-Dipartiment kellu jagħmel diversi adattamenti biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-omm, tat-tarbija u tal-impjegati. Nisa li jidħlu l-isptar biex iwelldu, jiġu ttestjati għall-Covid-19 u skont ir-riżultat jiġi deċiż f’liema parti tas-sala jitpoġġew: naħa għal pazjenti bla infezzjoni, oħra għal dawk bil-coronavirus u parti oħra għal min kien kwarantina jew kellu kuntatt ma’ xi ħadd li rriżulta pożittiv. Fis-sala tal-ħlas hemm 10 sodod li waħda minnhom hija attrezzata għal dawk b’infezzjoni li tista’ tiġi trażmessa – din issemmiet bħala l-covid room. Ġew allokati żewġt ikmamar għal dawk dubjużi – dawn is-sodod jistgħu jiżdiedu għal tlieta jew erbgħa skont il-ħtieġa. Il-kmamar l-oħra għal dawk bla infezzjonijiet. Dan qed isir biex titnaqqas it-trażmissjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn