It-Tour de France pospost

It-Tour de France se jkun pospost wara li l-Gvern Franċiż estenda l-projbizzjoni fejn jiltaqgħu mases ta’ nies minħabba l-pandemija tal-coronavirus. L-107 edizzjoni kellha tibda f’Nizza fis-27 ta’ Ġunju u tintemm f’Pariġi fid-19 ta’ Lulju

L-organizzaturi tat-Tour  diġà esklużaw l-idea li jippruvaw jagħmlu t-tellieqa wara bibien magħluqa meta anki kienu qed jitkellmu mal-awtoritajiet lokali ta’ dawk li kienu lesti jospitaw liċ-ċiklisti kieku t-Tour kellu jsir b’dan il-mod.

Din it-tellieqa tar-roti hi ta’ importanza kbira għal Franza minħabba l-ekonomija tal-pajjiż għaliex din tattira numru kbir ta’ udjenza minn kull parti tad-dinja.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena iċ-ċiklist Egan Bernal kien se jipprova jiddefendi t-titlu li rebaħ is-sena l-oħra.

Iċ-ċikliżmu fuq skala internazzjonali ilu wieqaf minn dik it-tellieqa li saret bejn Pariġi u Nizza li  ntemmet fl-14 ta’ Marzu. It-tiġrijiet kollha ta’ wara ġew posposti jew kanċellati, fosthom il-famuża Giro d’Italia li kellha tibda f’Budapest fid-9 ta’ Mejju.