It-torrijiet tal-Imrieħel diġà fis-suq… minkejja l-appell

Il-proġett ta’ erba’ torrijiet fl-Imrieħel diġà tpoġġa fis-suq minkejja li l-appelli fuq dan l-iżvilupp għadhom għaddejjin.
Erba’ għaqdiet ambjentali appellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-każ beda jinstema’ fis-17 ta’ Novembru 2016 u mistenni jkompli fit-22 ta’ Frar li ġej. Il-permess kien ingħata fis-6 ta’ Awwissu 2016.
L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar milux tkellmet kif ir-ritratti sottomessi mill-iżviluppatur fl-istudju dwar l-impatt ambjentali l-ġdid, huma differenti mill-ewwel studju u juru l-impatt viżwali li se jkollu fuq kif tidher l-Imdina mill-Belt.
L-għoli tat-torrijiet ivarja bejn 13 u 19-il sular bi pjazza fiċ-ċentru tal-proġett. Se jinkludu wkoll spazju għall-ħwienet kif ukoll faċilitajiet ta’ parkeġġ.  
Skont ir-riklami fuq siti ta’ aġenti ta’ propjetà f’Malta, il-proġett mistenni jitlesta sal-2021.
Il-Quad Business Towers ingħataw l-istatus ta’ żona speċjalment maħsuba (SDA) li tagħti l-istess drittijiet bħal ċittadini Maltin, kemm lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk minn barra l-Unjoni, mingħajr il-bżonn tar-rekwiżiti għall-premess tal-akkwist ta’ propjetà immobbli (AIP).
Dan ifisser li meta persuna barra mill-Unjoni tixtri uffiċċju hawn, tista’ terġa’ tbiegħha jew tikriha lil ħaddieħor. F’Malta u Għawdex hawn 12-il żvilupp ieħor li għandhom dan l-istatus.
Q1 – il-blokk tal-uffiċini huwa għall-bejgħ b’diversi għażliet bħala spazju bejn 450 metru kwadru sa 6,000 metru kwadru, filwaqt li t-tieni blokka Q2 se tkun għall-kiri b’diversi għażliet li jvarjaw minn 650 metru kwadru għal 6,000 metru kwadru.
Fiż-żewġ każijiet wieħed għandu l-għażla li l-uffiċini jitlestew skont it-talba tal-klijent.
1,211-il metru kwadru qed jiġi rriklamat biex jinkera għal €23,500 fuq sit minnhom.
L-għaqdiet ambjentali, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers u l-Friends of the Earth kienu insistew li hemm bżonn ta’ studji serji u adegwati qabel ma jibdew jibnew bini għoli.
L-Imrieħel kien iddaħħal fil-Floor to Area Ratio (FAR) Policy mill-Gvern wara li ġie ppubblikat l-abbozz ta’ politika li kien għall-konsultazzjoni, A Planning Policy Guide on the Use and Applicability of the Floor Area Ratio.
Hemm diversi direttivi tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-aċċess għall-informazzjoni u l-fatt li l-Imrieħel tħalla barra mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-limiti ta’ għoli tal-bini, kienet qajmet għagħa kbira fost l-ambjentalisti.