It-toroq f’San Lawrenz jinbidlu f’Bibbja miftuħa

Nhar il-Ħadd li ġej fis-6.30pm, il-pjazza u t-toroq tar-raħal ta’ San Lawrenz, sejrin jinbidlu f’Bibbja miftuħa, li fiha dawk preżenti jkunu jistgħu jesperjenzaw dak li Alla mar jagħmel għalina, meta bagħat lill-Ibnu fid-dinja 2,000 sena ilu ġewwa grotta f’ Betlehem. Dan il-pageant jirrakonta l-istorja tas-salvazzjoni mill-ħolqien ta’ Adam u Eva saż-żjara tal-Maġi. Dan ma jsrix fuq palk imma jsir fir-residenzi u fit-toroq ta’ dan ir-raħal pittoresk fil-punent ta’ Għawdex.

Aktar minn nofs il-popolazzjoni tar-raħal ta’ San Lawrenz tieħu sehem f’dan il-Pageant u minn xhur qabel il-kumitat jaħseb sabiex ta’ kull sena joħloq atmosfera fir-raħal li dak il-lejl ma jkunx wieħed spettakolari fit-tlellix imma li jkun lejl li jdaħħal fl-ispirtu veru tal-Milied.

Fl-aħħar ta’ dan il-Pageant l-MAD About Video Multi Media, ser ittella’  produzzjoni 3D Mapping  ġdida marbuta mal-Milied mall-faċċata tal-Knisja. Kien propju hawn meta għall-ewwel darba f’Għawdex saret din il-produzzjoni. Barra li l-istess kumpanija ser toffri x-xenarju għal waqt l-ewwel parti tal-Pageant fl-aħħar ser toffri dan l-ispettaklu uniku għal dan il-Milied.

Din l-attività qed tittella’ bil-koperazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.