It-toroq f’San Ġiljan għandhom jitlestew f’sentejn

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi  ħabbar li l-pjan ta’ riġenerazzjoni tat-toroq huwa fuq medda ta’ sentejn. Hu u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg żaru x-xogħlijiet fit-toroq ta’ San Ġiljan u Paceville li bdew ftit tal-jiem ilu u li tlestew tul din il-ġimgħa.

Dawn ix-xogħlijiet huma parti minn pjan ta’ titjib ta’ diversi toroq f’żoni f’din il-lokalità, li l-għan tiegħu hu li jtejjeb l-infrastruttura f’Paceville.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni qiegħed isir bi tħejjija għas-sajf, peress li dawn iż-żoni jilqgħu ħafna turisti. Mizzi qal li l-pjan se jservi ta’ eżempju għal żona turistiċi oħra f’Malta.

Skont il-Ministru Ian Borg, il-gvern ser ikun qiegħed jinvesti €700 miljun fit-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex. Huwa qal li xogħol il-Gvern ma ntemmx ma’ proġetti bħal tal-Kappara Junction, imma l-ambizzjoni tiegħu hi li jtejjeb it-toroq Maltin kollha, anke fi bnadi turistiċi.