It-‘Top 10′ ta’ lokalitajiet Maltin għal reati

Minn informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Parlament, toħroġ ċara l-istampa dwar in-numru ta’ reati li saru f’lokalitajiet differenti f’Malta u f’Għawdex fl-aħħar ħames snin.

Fuq il-quċċata tal-lista għall-ħames snin bejn l-2009 u l-2013 flimkien, mingħajr dubju hemm il-lokalità ta’ San Ġiljan li tinkludi lil Paceville, b’total ta’ 11,803 reati f’dawn is-snin.

Fit-tieni post hemm il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li tinkludi lil Buġibba, b’inqas minn nofs ir-reati li saru f’San Ġiljan, jiġifieri 5,302 reati.

Fit-tielet post hemm Tas-Sliema b’4,705 reati, segwita (4) mill-Belt Valletta b’2,729, (5) Birkirkara b’2,534, (6) Ħal Qormi b’2,278 reat, (7) l-Imsida b’2,240 reat u (8) Raħal Ġdid b’2,096 reat.

Fid-disa’ post hemm il-Mosta b’1,905 reati segwita minn (10) Birżebbuġa b’1,818-il reat.

Fuq in-naħa l-oħra tal-lista, minn fost il-lokalitajiet bl-għaxar l-inqas numru ta’ reati, 9 minnhom huma f’Għawdex, (1) bil-Fontana, (2) l-Għasri, (3) San Lawrenz, (4) l-Għarb, (5) Ta’ Kerċem u (6) Ta’ Sannat b’inqas minn 100 reat f’ħames snin.

Fis-seba’ l-inqas post hemm il-Qala b’102 reati, segwit (8) mill-Għargħur b’149 reati u (9) l-Imdina b’165 reati.

Fl-għaxar l-inqas post hemm il-Munxar, li jinkludi lix-Xlendi, flimkien max-Xewkija f’Għawdex b’total ta’ 174 reat kull wieħed.