It-tobba u l-infermiera jipposponu l-azzjonijiet industrijali; taħditiet ma’ Fearne

Ritratt: Unsplash

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) issospendew l-azzjonijiet industrijali li kienu se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej. Dan wara li ltaqgħu mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

L-azzjonijiet industrijali mit-tobba u l-infermiera kienu se jsiru bħala protesta għal kif il-Gvern qed jitratta l-pandemija tal-Covid-19. Issa ġew posposti għal nhar l-Erbgħa 5 ta’ Awwissu.

Iż-żewġ unjins ikkonfermaw li ntlaħaq qbil fil-prinċipju dwar kif se jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti. Il-MAM semmiet fost l-oħrajn il-perikli f’attivitajiet tal-massa, u kif il-professjonisti mediċi u n-nies se jiġu koperti mir-riskji li tista’ ġġib magħha l-isplużjoni ta’ każijiet li qed naraw f’dawn il-jiem.

Fi kliem il-MAM, dan il-ftehim sar fuq is-suċċessi tal-passat imma jikkunsidra wkoll it-tagħlimiet tal-aħħar ġimagħtejn.

Se ssir laqgħa oħra nhar it-Tlieta waranofsinhar biex jiġu indirizzati dettalji oħra pendenti. Filwaqt li qalet li tinsab kunfidenti li hemm bażi soda għall-qbil, il-MAM wissiet li l-laqgħa ta’ nhar it-Tlieta tħoll u torbot.