Read in English.
L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati (APFD) għadhom qed jistennew informazzjoni fuq meta jkunu jistgħu jagħtu l-vaċċin tal-influenza lill-pazjenti tagħhom din is-sena.
L-APFD fakkret kif kull sena, l-awtoritajiet tas-saħħa jistiednu lit-tobba tal-familja privati biex jgħinu biex il-vaċċin tal-influenza jingħata b’xejn lil pazjenti b’mard kroniku, inklużi dawk li ma joħorġux minn darhom.
Din l-istedina saret ukoll din is-sena, f’Settembru. Madankollu it-tobba għadhom qed jistennew il-vaċċini, u pazjenti li kienu mheġġa jiħduh f’Ottubru u Novembru ma setgħux jinqdew.
L-assoċjazzjoni rrikonoxxiet ic-ċirkostanzi partikolari ta’ din is-sena, però lmentat dwar il-mod kif dawn il-pazjenti ġew ittrattati. B’hekk qed tistenna risposta definitiva fuq meta t-tobba tal-familja privati jkunu jistgħu jagħtu l-vaċċin lill-pazjenti tagħhom.
Wara li kienet intużat l-ewwel konsenja x-xahar li għadda, il-gvern ħabbar li t-tieni konsenja waslet u li l-vaċċin se jibda jingħata miċ-ċentri tas-saħħa minn nhar il-Ħadd.