It-tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa se jżuru pazjenti d-dar skont il-proċeduri normali

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija l-MAM qalet li l-ġimgħa d-dieħla t-tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa se jkomplu jipprovdu żjarat fid-djar ta’ pazjenti, skont il-proċeduri stabbiliti.
Żiedet tgħid li bħala sinjal ta’ rieda tajba, se tipposponi b’ġimgħa l-azzjoni industrijali li permezz tagħha kienu se jitwaqqfu dawn iż-żjarat.
Il-MAM qalet li qed tinnota b’sodisfazzjon dak li sejjħet bħala “stqarrija pożittiva” min-naħa tat-tmexxija taċ-Ċentri tas-Saħħa.
Irreferiet għad-dikjarazzjoni li teżisti proċedura ta’ kif u meta żjarat fid-djar ta’ pazjenti għandhom isiru, u kif dawn jingħataw prijorità.
Esprimiet it-tama li l-ġimgħa d-dieħla, il-policy li tirregola dawn iż-żjarat tiġi mgħarrfa lill-pubbliku, partikolarment fix-xhur tax-xitwa.
Il-MAM ippublikat ukoll dokument-gwida dwar iż-żjarat tat-tobba li jelenka l-każijiet fejn tabib irid imur fir-residenza ta’ pazjent.
Fost dawn hemm kundizzjonijiet li pazjent ikun fis-sodda għal għomru, persuna mejta, persuni b’diżabilità severa jew b’mard terminali, dawk li għandhom deni u raxx fuq il-ġilda, u pazjenti li s-sistema immunitarja tagħhom ma tkunx b’saħħitha biżżejjed biex tiġġieled kontra l-infezzjonijiet.
Madankollu l-istess linji-gwida jgħidu li finalment, tkun dejjem fid-diskrezzjoni tat-tabib wara li juża l-ġudizzju mediku tiegħu, dwar jekk jiddeċidiex jekk iżurx pazjent id-dar jew le.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Newsbook.com.mt irrapporta każ dwar tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li allegatament irrifjuta li jeżamina pazjent anzjan meta mar iżuru d-dar.