​Jagħtu ċ-ċittadinanza lit-tarbija biex tieħu l-kura

Aġġornata 3pm:
Il-Kungress Amerikan ta ċ-ċittadinanza lit-tifel ta’ 11-il xahar, Charlie Gard biex ikun jista’ jmur l-Istati Uniti għat-trattament għall-kundizzjoni tiegħu.
Qed ikun rappurtat li dan jista’ jfisser li l-ġenituri tat-tarbija se jkunu jistgħu joħduh għat-trattament esperimentali, mingħajr bżonn il-permess tat-tobba Ingliżi.
Din l-aħbar tasal jum wara li omm Charlie, Connie Yates iltaqgħet ma’ żewġ esperti internazzjonali fl-isptar Great Ormond biex jiddiskutu l-kundizzjoni tat-tifel.
It-tobba ta’ Great Ormond “mhux konvinti” dwar it-tarbija
Tobba Ingliżi li qed jikkuraw lit-tarbija Charlie Gard jidhru li għadhom mhux konvinti minn dak li qalilhom il-professur Amerikan li offra jikkurah.
It-tobba tal-isptar Great Ormond qattgħu ħames sigħat f’diskussjonijiet ma’ Dr Michio Hirano, l-ispeċjalista li l-bieraħ filgħaxija mar lura l-Istati Uniti.
Dr Hirana mar Londra nhar it-Tnejn biex jeżamina t-tifel u scans li sarulu fil-jiem ta’ qabel.
Qal li t-terapija esperimentali tiegħu tista’ tagħti ħajja aħjar lil Charlie. Iżda t-tobba ta’ Great Ormond jemmnu li t-tifel għandu ħsara mentali irriversibbli u li l-magni li qed iżommuh ħaj għandhom jintfew.
Il-ġenituri ta’ Charlie iridu li t-tifel jiġi trasferit lejn sptar fi New York għat-trattament.
“Irridu l-aħjar trattament għat-tifel” – ommu
Omm Charlie, it-tarbija li għandha marda ġenetika rari, kienet ukoll preżenti fil-laqgħa li kellha tiddetermina xi jkun l-aħjar għal binha.
Connie Yates, omm Charlie, irringrazzjat lil Dr Hirano u lil speċjalista ieħor li akkumpanjah u qalet, “It-tifel sabiħ tagħna mhux ibati u m’għandux uġigħ. Bħala l-ġenituri tiegħu li tant inħobbuh qed nagħmlu l-aħjar għalih billi nesploraw l-aħjar modi ta’ trattament.”
Maġistrat kien diġà ddeċieda li Charlie kellu jitħalla jmut iżda qabel li jsiru iktar testijiet meta ġie nfurmat li t-terapija ta’ Dr Hirano tista’ ttejjiblu l-kwalità tal-ħajja.
Nhar il-Ġimgħa, il-każ ikompli jinstema’ fil-Qorti, b’iktar seduti l-ġimgħa d-dieħla sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar jekk jgħixx jew imutx.