It-tobba se jistrajkjaw nhar it-Tlieta

L-istrajk tat-tobba mhux se jsir nhar it-Tnejn iżda tmexxa għat-Tlieta.
Minkejja dan, it-tobba se jkunu qed jipprovdu servizzi ta’ Emerġenza skont kif titlob il-liġi.
Dan ħabbru ftit tal-ħin ilu Dr Martin Balzan, f’isem l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM.
Balzan qal li japprezza li l-istrajk joħloq inkonvenjent għall-pazjenti. Żied jgħid li inkonvenjent ta’ ġurnata joħloq ħafna inqas problema milli inkonvenjent li jista’ jinħoloq jekk l-isptarjiet imorru għand Steward Healthcare fix-xhur li ġejjin.
Waqt id-diskussjoni, Balzan spjega r-raġuni għalfejn il-MAM ma tridx lil Steward tieħu l-isptarijiet ta’ Malta f’idejha fejn qal li s-sistema tal-isptarijiet Amerikani hija bbażata fuq sistema ta’ insurance u ħlas. Għalhekk, min m’għandux flus ma jieħux l istess kura bħal min għandu.
Kompla jgħid li l-privat tajjeb biex imexxi l-quddiem l-ekonomija, u jiġġenera l-profitt għax jikkonċentra fuq dawk l-affarijiet li jagħmlu profitt u dawk li le jagħlaqhom.
Balzan qal li l-Gvern kien marbut li jurihom il-kuntratt sitt ġimgħat qabel jiġi ffirmat u għalhekk ftit jagħmel sens li jarawh issa, jiġifieri ġimgħat wara li ffirmawh.
B’referenza għal dak li qal il-Ministeru fl-istqarrija tal-bieraħ fejn saħaq li ma jeskludix li jieħu passi legali sabiex jissalvagwardja l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, Balzan insista li jekk il-Gvern għandu jieħu azzjoni legali għandu jeħodha kontra l-Vitals Global Helathcare (VGH), il-kumpanija li ngħatat €60m u ma għamlet xejn.

Laqgħa oħra bejn il-Ministeru u l-MAM
Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li ġiet skedata laqgħa oħra mal-MAM nhar it-Tnejn li ġej sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet.
Hu reġa’ fakkar li l-Ministeru diġa rnexxielu jasal għal ftehim mal-ispiżjara, l-infermiera u l-fiżjoterapisti u issa qed ifittex biex jagħmel dan ukoll mat-tobba.