It-tobba kollha se jkunu jistgħu jibdew jordnaw mediċina tal-kannabis

Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li daqt se titressaq proposta biex titbiddel il-liġi attwali u b’hekk kull tabib ikun jista’ jordna mediċini tal-kannabis.
Il-liġi attwali, introdotta fil-leġisżlatura li għaddiet taħt l-Att dwar id-Dipendenza tad-Droga, tagħti d-dritt biex tobba jużaw jew jordnaw prodotti magħmula mill-kannabis għal skop mediċinali biss.
Madankollu xi professjonisti fil-qasam kienu gergru li l-persuni li setgħu jaħdmu b’dawn il-mediċini kienu biss dawk l-ispeċjalisti li kienu rreġistrati fl-Att dwar il-Mediċini, u mhux kull tabib.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li rċevew anki ilmenti mingħand pazjenti b’mard kroniku, li kellhom aċċess limitat jew saħansitra xejn għal dawn il-mediċini, minħabba n-natura tal-liġi.
Fearne qal li minn sentejn ’l hawn kemm ilha l-liġi, tgħallem li kien fiha burokrazija żejda, u għalhekk se jkun qed iressaq din l-emenda mħabbra llum.
Ladarba tidħol l-emenda, it-tobba jkunu jistgħu joħorġu l-preskrizzjoni, mingħajr ma jkollhom għalfejn imorru għand wieħed minn dawk l-ispeċjalisti li sal-lum huma biss jistgħu jippreskrivu l-mediċina.
Il-ġimgħa l-oħra l-Kabinett approva leġiżlazzjoni biex tiffaċilita l-aċċess għall-mediċina b’bażi ta’ kannabis, u dakinhar il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li joħlom li Malta ssir ċentru ta’ produzzjoni ta’ mediċina tal-kannabis.