It-tobba jwissu kontra l-jeans issikkat

Tobba fl-Awstralja qed iwissu kontra l-ilbies ta’ jeans issikkat.
Qed jgħidu li dan jista’ jwassal biex tieqaf iċ-ċirkolazzjoni tad-demm lejn il-muskoli u jagħfas fuq in-nervituri ta’ wara l-irkoppa.  B’hekk tiddgħajjef is-saħħa fis-saqajn.
Din it-twissija ħarġet wara li Awstraljana spiċċat ma tistax tiċċaqlaq wara li ġurnata sħiħa tagħmel il-faċendi b’jeans.
Il-mara nstabet wara sigħat sħaħ mal-art. Il-pxiexen tal-mara li għandha 35 sena, tant intefħu li kellhom jaqtgħulha l-jeans. Setgħet timxi biss wara erbat ijiem ta’ kura.
L-istorja ta’ din il-mara ġiet ippubblikata f’rivista medika tan-newroloġija, biex jiżdied l-għarfien dwar il-perikli ta’ ħwejjeġ issikkati.