It-tobba jsegwu azzjoni industrijali mill-ġimgħa d-dieħla

Min-nhar it-Tnejn li ġej, it-tobba, fis-setturi kollha tas-saħħa, mistennija jsegwu azzjoni industrijali wara li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) saħqet li l-Gvern kellu jikkonsultaha qabel mal-isptarijiet għaddew f’idejn il-kumpanija Steward Health Care.
Sa issa, il-MAM għadha ma qalitx jekk l-azzjoni industrijali hux se tinkludi strajks għalkemm saħqet li t-trasferiment tal-isptarijiet mingħajr konsultazzjoni jmur kontra l-ftehim kollettiv.
Fost affarijiet oħra, il-Unjin tat-Tobba spjegat li skont il-ftehim kollettiv, il-Gvern suppost infurmaha minn tal-inqas sitt xhur qabel meta kellu l-intenzjoni li jgħaddi s-servizz tas-saħħa b’xejn lil kumpanija privata, u qabel jittieħdu deċiżjonijiet kellu jintlaħaq qbil.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li minn din il-ġimgħa, Steward se tkun qed tieħu f’idha t-tmexxija tal-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dan wara li ftit jiem qabel il-Milied, ħarġet l-aħbar fuq il-midja, li l-konsorzju Vitals Global Healthcare kien biegħ il-konċessjoni lil Steward Health Care, deċiżjoni li l-Gvern iddeskriviha bħala “aħbar pożittiva.”
Il-MAM qalet li se tkun qed tlaqqa’ s-sezzjonijiet kollha tagħha biex tispjega r-raġunijiet tagħha u tiddiskuti d-direttivi.
Qalet ukoll li jekk ikun neċċessarju, lesta tieħu azzjoni legali kemm fil-Qrati Maltin u anke Ewropej.
Il-MAM ilha ġimgħat issejjaħ lill-Awditur Ġenerali biex jinvetiga l-kuntratt tal-VGH u anke tisħaq li l-Gvern għandu jissospendi t-trasferiment tal-isptarijiet u jerġa’ jeħodhom f’idejh.
Fuq RTK 103FM, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM kien qal li l-bejgħ tal-isptarijiet mhuwiex fl-aqwa interess tal-pazjent.
Ilbieraħ fil-Parlament, il-Prim Ministru esprima t-tama li s-sens komun jirrenja kif ġara f’każijiet oħra u qal li l-ftehim li sar bejn il-Vitals u Steward kien wieħed kummercjali u li l-Gvern qatt ma daħal bejniethom.
Ilbieraħ, Ashok Rattehalli, wieħed mill-investituri tal-Vitals Global Healthcare (VGH), ressaq mandat ta' inibizzjoni kontra l-kumpanija kontra l-kumpanija u l-kumpanija Bluestone Investment Maltali hija l-konsorzju ewlieni li kien rebaħ it-tender tal-bejgħ tal-isptarijiet fl-2015.